Maltese
Agħżel il-lingwa tas-sit

Equilis Prequenza (equine influenza-virus strains: A/equine-2/South...) - QI05AA01

Updated on site: 09-Feb-2018

Isem tal-Mediċina: Equilis Prequenza
ATC: QI05AA01
Sustanza: equine influenza-virus strains: A/equine-2/South Africa/4/03, A/equine-2/Newmarket/2/93
Manifattur: Intervet International BV

Kontenut tal-Artiklu

An agency of the European Union

Equilis Prequenza

Vaċċin kontra l-influwenza ekwina

Dan id-dokument huwa sommarju tar-Rapport Pubbliku Ewropew ta’ Valutazzjoni. Dan għandu l-għan li jispjega kif il-valutazzjoni magħmula mill-Kumitat għall-Prodotti Mediċinali għall-Użu Veterinarju (CVMP) abbażi tad-dokumentazzjoni pprovduta wasslet għar-rakkomandazzjonijiet dwar il- kundizzjonijiet tal-użu tiegħu.

Dan id-dokument ma jistax jissostitwixxi diskussjoni wiċċ imb wiċċ mal-veterinarju tiegħek. Jekk teħtieġ iktar informazzjoni dwar il-kundizzjoni medika jew it-trattament tal-annimal tiegħek, ikkuntattja lill-veterinarju tiegħek. Jekk tixtieq iktar informazzjoni relatata mar-rakkomandazzjonijiet tas-CVMP, aqra d-diskussjoni xjentifika (parti wkoll mill-EPAR).

X’hinu Equilis Prequenza?

Equilis Prequenza huwa vaċċin għall-użu fiż-żwiemel. Fih virus sħiħ diżattivat (maqtul) ta’ żewġ razez tal-influwenza ekwina (‘A/equine-2/South Africa/4/03’ u ‘A/equine-2/Newmarket/2/93’). Il-vaċċin jiġi bħala sospensjoni għall-injezzjoni.

Għalxiex jintuża Equilis Prequenza?

Equilis Prequenza jintuża fit-tilqim taż-żwiemel mill-età ta’ sitt xhur kontra l-influwenza ekwina. L- influwenza ekwina hija marda li tittieħed faċilment ħafna u hi komuni ħafna fiż-żwiemel iżda li rari tikkawża l-mewt. Il-vaċċin inaqqas is-sinjali tal-influwenza ekwina u tal-eskrezzjoni (tneħħija) tal-virus wara l-infezzjoni.

Il-vaċċin jingħata bħala injezzjoni f’muskolu. Iż-żwiemel għandhom jingħataw tilqima primarja, li tikkonsisti minn żewġ injezzjonijiet b’erba’ ġimgħat bejniethom. Dan għandu jiġi segwit bit-tielet tilqima ħames xhur wara, u 'l quddiem b’tilqim mill-ġdid kull sena.

Kif jaħdem Equilis Prequenza?

Equilis Prequenza fih virus sħiħ diżattivat tar-razez tal-influwenza li l-vaċċin hu indikat kontrihom. Dawn il-virusis tal-influwenza ekwina ġew diżattivati sabiex ma jikkaġunawx aktar mard.

Il-vaċċini jaħdmu billi ‘jgħallmu’ lis-sistema immunitarja kif tiddefendi ruħha kontra l-mard. Meta żiemel jingħata l-vaċċin, is-sistema immunitarja tagħraf lill-virus bħala “barrani” u tipproduċi antikorpi kontrih. Fil-futur is-sistema immunitarja tkun tista’ tipproduċi antikorpi iktar malajr meta tkun esposta għal kwalunkwe razza ta’ dan il-virus. L-antikorpi mbagħad jgħinu biex jipproteġu kontra l-mard ikkawżat minn dawn ir-razez tal-virus tal-influwenza ekwina. Il-virusis inklużi fl-għamla attwali ta’ Equilis Prequenza jikbru f’ċelloli mammiferi, mhux bħal dawk fl-għamla inizjali, li kienu kibru fil-bajd tat-tiġieġ.

Il-vaċċin fih ukoll ‘aġġuvant’ biex jittejjeb ir-rispons immunitarju.

Kif ġie studjat Equilis Prequenza?

Is-sigurtà tal-għamla inizzjali ta’ Equilis Prequenza ġiet studjata f’diversi studji f’kundizzjonijiet ta’ laboratorju u fuq il-post f’għadd kbir ta’ żwiemel, mill-età ta’ xahrejn.

L-effikaċja ta’ Equilis Prequenza ġiet l-ewwel studjata f’diversi provi f’kundizzjonijiet ta’ laboratorju u fuq il-post. Il-biċċa l-kbira tal-istudji użaw Equilis Prequenza Te, vaċċin li jipproteġi kontra t-tetnu kif ukoll kontra r-razez tal-influwenza ekwina inklużi f’Equilis Prequenza. Il-kejl ewlieni tal-effikaċja kien il- produzzjoni ta’ livelli protettivi ta’ antikorpi kontra l-komponenti tal-influwenza. L-istudji qabblu wkoll is-sinjali kliniċi u l-eskrezzjoni tal-virus ta’ grupp ta’ annimali mlaqqma ma’ dawk ta’ grupp ta’ kontroll, jiġifieri li ma kinux ingħataw il-vaċċin.

L-effikaċja tal-għamla attwali tal-vaċċin ġiet evalwata fi studji addizzjonali fil-laboratorju.

X’benefiċċju wera Equilis Prequenza matul l-istudji?

L-istudji inizjali wrew li Equilis Prequenza huwa vaċċin effettiv kontra l-influwenza ekwina biex inaqqas is-sinjali kliniċi u l-eskrezzjoni tal-virus wara l-infezzjoni, fiż-żwiemel ta' 6 xhur jew aktar. Iż-żwiemel żviluppaw protezzjoni ġimagħtejn wara t-tilqima primarja. It-tul tal-protezzjoni kien ħames xhur wara t-tilqima primarja u 12-il xahar wara l-ewwel tilqima mill-ġdid.

L-għamla attwali ta’ Equine Prequenza ntweriet li tipproduċi riżultati simili għal dawk murija fl-istudji inizjali

X'inhu r-riskju assoċjat ma' Equilis Prequenza?

Jista’ jkun hemm nefħa iebsa jew ratba fis-sit tal-injezzjoni. In-nefħa hija mistennija li tonqos fi żmien jumejn. Jista’ jkun hemm uġigħ fis-sit tal-injezzjoni, iżda dan huwa rari. F’każijiet rari ħafna jista’ jkun hemm deni għal jum wieħed, u sa tlett ijiem f’ċirkustanzi eċċezzjonali.

Xi prekawzjonijiet għandha tieħu l-persuna li tagħti l-mediċina jew li tiġi f’kuntatt mal- annimal?

Fil-każ li wieħed jinjetta lilu nnifsu b’mod aċċidentali, wieħed għandu jfittex parir mediku minnufih u għandu juri l-fuljett ta’ tagħrif jew it-tikketta lit-tabib.

Kemm għandu jdum il-perjodu ta’ tiżmim?

Il-perjodu ta’ tiżmim huwa ż-żmien li jrid jgħaddi wara li tingħata l-mediċina qabel ma l-animal ikun jista’ jinqatel u l-laħam tiegħu jintuża għall-konsum mill-bniedem jew qabel ma l-ħalib ikun jista’ jintuża għall-konsum mill-bniedem. Il-perjodu ta’ tiżmim għal Equilis Prequenza għal-laħam u l-ħalib huwa żero jiem.

Għaliex ġie approvat Equilis Prequenza?

ll-Kumitat għall-Prodotti Mediċinali għall-Użu Veterinarju (CVMP) ikkonkluda li l-benefiċċji ta’ Equilis

Prequenza huma akbar r-riskji tiegħu għall-indikazzjonijiet approvati u rrakkomanda li Equilis

Prequenza jingħata awtorizzazzjoni għat-tqegħid fis-suq. Il-bilanċ bejn il-benefiċċji u r-riskji jista' jiġi kkonsultat fil-modulu ta’ diskussjoni xjentifika ta' dan l-EPAR.

Tagħrif ieħor dwar Equilis Prequenza:

Il-Kummissjoni Ewropea tat awtorizzazzjoni għat-tqegħid fis-suq valida fl-Unjoni Ewropea kollha għal

Equilis Prequenza fit-8 ta’ Lulju 2005. L-informazzjoni dwar l-istatus tal-preskrizzjoni ta’ dan il-prodott tista’ tiġi kkonsultata fuq it-tikketta jew fuq il-qoxra tal-pakkett.

Dan is-sommarju ġie aġġornat l-aħħar fi Frar 2013.

Kummenti