Improvac (synthetic peptide analogue of gonadotropin-releasing...) - QI09AX

Updated on site: 09-Feb-2018

Isem tal-Mediċina: Improvac
ATC: QI09AX
Sustanza: synthetic peptide analogue of gonadotropin-releasing factor conjugated to dipthheria toxoid
Manifattur: Zoetis Belgium SA

Improvac

konjugat ta’ analogu ta’ proteina ta’ fattur li jirrilaxxa l-gonadotropin (GnRF, gonadotropin releasing factor)

Dan huwa sommarju tar-rapport pubbliku Ewropew ta’ valutazzjoni (EPAR) għal Improvac. Dan jispjega kif l-Aġenzija vvalutat dil-mediċina veterinarja biex tirrakkomanda l-awtorizzazzjoni tagħha fl-Unjoni Ewropea (UE) u l-kondizzjonijiet ta’ użu tagħha. Dan mhux intiż biex jipprovdi konsultazzjoni prattika dwar l-użu ta’ Improvac.

Għal informazzjoni prattika dwar l-użu ta’ Improvac, is-sidien tal-annimali jew dawk li jieħdu ħsiebhom għandhom jaqraw il-fuljett ta’ tagħrif jew jikkuntattjaw lill-veterinarju jew lill-ispiżjar tagħhom.

X’inhu Improvac u għal xiex jintuża?

Improvac huwa mediċina veterinarja li jintuża fi ħnieżer irġiel biex inaqqas “ir-riħa jew it-togħma tal-ħanżir” fil-laħam miksub minhom wara l-qtil. Ir-riħa jew it-togħma tal-ħanżir hija r-riħa jew it-togħma mhux pjaċevoli li tista’ tkun preżenti fil-majjal jew prodotti tal-majjal minn ħnieżer irġiel maturi mhux kastrati. Ir-riħa jew it-togħma tal-ħanżir tiġi kkawżata mill-produzzjoni u l-akkumulazzjoni tal-komposti naturali androstenone u skatole fil-laħam ta’ dawn l-annimali. Improvac jintuża bħala alternattiva għall-kastrazzjoni fiżika (it-tneħħija tat-testikoli) biex titnaqqas il-preżenza ta’ dawn il-komposti. Improvac itejjeb ukoll l-imġiba aggressiva u sesswali (irkib) fil-ħnieżer.

Improvac fih is-sustanza attiva konjugat ta’ analogu ta’ proteina ta’ fattur li jirrilaxxa gonadotropin (GnRF).

Kif jintuża Improvac?

Improvac jiġi bħala soluzzjoni għall-injezzjoni u jista’ jinkiseb biss b’riċetta ta’ tabib. Improvac jingħata lil ħnieżer irġiel bħala żewġ injezzjonijiet b’intervall ta’ mill-inqas 4 ġimgħat. L-ewwel injezzjoni hija mill-età ta’ 8 ġimgħat u t-tieni 4 sa 6 ġimgħat qabel il-qtil. L-injezzjoni tingħata taħt il-ġilda fl-għonq eżatt wara l-widna. Improvac jibda jkun effettiv fi żmien ġimgħa wara t-tieni injezzjoni. Il-livelli ta’ androstenone u skatole jitnaqqsu minn 4 sa 6 ġimgħat wara t-tieni injezzjoni u t-tnaqqis fl-aggressjoni u fl-imġiba sesswali jidher minn ġimgħa sa ġimagħtejn wara t-tieni injezzjoni.

Għal iktar informazzjoni, ara l-fuljett ta’ tagħrif.

Kif jaħdem Improvac?

Is-sustanza attiva f’Improvac hija analogu ta’ (simili għal) fattur li jirrilaxxa l-gonatadotropin (GnRF) marbut ma’ proteina ġarriera miksuba mill-batterju Corynebacterium diphtheriae. Improvac jaħdem billi jistimula s-sistema immuni tal-ħanżir biex tipproduċi antikorpi kontra ormon li jirrilaxxa l-gonatadotropin (GnRH), parti mis-sistema li tikkontrolla l-iżvilupp sesswali. Dan jinibixxi b’mod temporanju r-rilaxx ta’ sterojdi mit-testikoli, inkluż androstenone, wieħed miż-żewġ kawżi ta’ riħa jew togħma tal-ħanżir. Skatole, il-kawża maġġuri l-oħra ta’ riħa jew togħma tal-ħanżir, jiġi prodott fl-imsaren u l-livelli jitnaqqsu peress li l-livell imnaqqas ta’ ormoni sesswali jippermetti lill-fwied jimmetabolizza (ikissruh) b’mod aktar effiċjenti.

Improvac fih ukoll kompost derivat mid-dextran taz-zokkor bħala addittiv (ingredjent li jsaħħaħ ir-rispons immuni).

X’inhuma l-benefiċċji ta’ Improvac li ħarġu mill-istudji?

F’numru ta’ studji fuq il-post, il-ħnieżer ikkurati b’Improvac kienu komparabbli għal ħnieżer kastrati b’kirurġija f’termini ta’ livelli ta’ androstenone u skatole mal-qtil. Barra minn hekk, Improvac ikkura ħnieżer li kellhom livelli baxxi ta’ testosteron fid-demm. L-ewwel injezzjoni kellha effett limitat, iżda t-tieni injezzjoni tiġi segwita mill-produzzjoni ta’ antikorpi kontra GnRF. Il-livelli tal-antikorpi jonqsu maż-żmien iżda xorta jibqgħu għoljin biżżejjed biex ikunu effettivi b’mod affidabbli 4 sa 6 ġimgħat wara t-tieni injezzjoni.

Tliet studji fuq il-post investigaw l-effettività ta’ Improvac fit-tnaqqis tal-aggressjoni u l-imġiba sesswali fil-ħnieżer. Żewġ studji wrew tnaqqis ta’ aggressjoni u rkib minn ġimgħa sa ġimagħtejn wara t-tieni injezzjoni ta’ Improvac, filwaqt li t-tielet wieħed studja l-effett fit-tul fuq l-aggressjoni u l-irkib wara biss 4 ġimgħat.

X’inhuma r-riskji assoċjati ma’ Improvac?

L-effetti sekondarji l-aktar komuni b’Improvac (li jistgħu jaffettwaw aktar minn 1 minn kull 10 ħnieżer) huma nefħa fis-sit tal-injezzjoni, li titlaq gradwalment iżda f’20 sa 30 % tal-annimali ddum għal aktar minn 6 ġimgħat, u żieda fit-temperatura tal-ġisem li ma ddumx ta’ madwar 0.5 ˚C fi żmien 24 siegħa mit-tilqim.

Għal-lista sħiħa ta’ restrizzjonijiet u tal-effetti sekondarji kollha rrappurtati b’Improvac, ara l-fuljett ta’ tagħrif.

Improvac m’għandux jingħata lil ħnieżer nisa jew ħnieżer irġiel maħsuba għat-trobbija.

Liema prekawzjonijiet irid jieħu min jagħti l-mediċina jew jiġi f’kuntatt mal-annimal?

Fis-sommarju tal-karatteristiċi tal-prodott u l-fuljett ta’ tagħrif ġiet inkluża informazzjoni rigward is-sigurtà ta’ Improvac, inkluż il-prekawzjonijiet xierqa li għandhom ikunu segwiti mill-professjonisti tal-kura tas-saħħa u mis-sidien tal-annimali jew dawk li jieħdu ħsiebhom.

Awtoinjezzjoni ta’ Improvac tista’ tipproduċi effetti simili fil-bnedmin bħal dawk li jidhru fil-ħnieżer. Dawn jistgħu jinkludu tnaqqis temporanju fil-livelli tal-ormon sesswali u abbiltà mnaqqsa għar-riproduzzjoni fl-irġiel u fin-nisa, inkluż problemi fit-tqala. Ir-riskju li dawn l-effetti jseħħu huwa

ogħla wara t-tieni injezzjoni jew waħda aċċidentali sussegwenti milli wara l-ewwel injezzjoni. Wieħed għandu joqgħod attent ħafna biex jevita awtoinjezzjoni aċċidentali. Improvac għandu jintuża biss b’tagħmir ta’ sikurezza li jinkludi protezzjoni tal-labra u mekkaniżmu li jipprevjeni l-operazzjoni aċċidentali tal-grillu. F’każ ta’ awtoinjezzjoni, wieħed għandu jfittex parir mediku immedjatament u għandu juri l-fuljett ta’ tagħrif jew it-tikketta lit-tabib.

Improvac m’għandux jingħata lill-ħnieżer minn nisa tqal jew li jistgħu jkunu tqal.

F’każ li jkun hemm kuntatt mal-ġilda jew l-għajnejn, il-parti affettwata għandha titlaħlaħ minnufih bl-ilma.

X’inhu l-perjodu ta’ tiżmim f’annimali li jipproduċu l-ikel?

Il-perjodu ta’ tiżmim huwa ż-żmien li jrid jgħaddi wara l-għoti tal-mediċina qabel l-annimal ikun jista’ jinqatel u l-laħam tiegħu jintuża għall-konsum mill-bniedem.

Il-perjodu ta' tiżmim għal-laħam minn ħnieżer ikkurati b'Improvac huwa ta’ 'żero' jiem, li jfisser li ma hemm l-ebda żmien obbligatorju ta' stennija.

Għaliex ġie approvat Improvac?

Il-Kumitat għall-Prodotti Mediċinali għall-Użu Veterinarju (CVMP) tal-Aġenzija ddeċieda li l-benefiċċji ta’ Improvac huma akbar mir-riskji tiegħu u rrakkomanda li jkun approvat għall-użu fl-UE.

Informazzjoni oħra dwar Improvac?

Il-Kummissjoni Ewropea tat awtorizzazzjoni għat-tqegħid fis-suq valida fl-UE kollha għal Improvac fil-11 ta’ Mejju 2009.

L-EPAR sħiħ għal Improvac jinsab fis-sit elettroniku tal-Aġenzija: ema.europa.eu/Find medicine/Veterinary medicines/European public assessment reports. Għal aktar informazzjoni dwar il-kura b’Improvac, is-sidien tal-annimali jew dawk li jieħdu ħsiebhom għandhom jaqraw il-fuljett ta’ tagħrif jew għandhom jikkuntattjaw lill-veterinarju jew lill-ispiżjar tagħhom.

Dan is-sommarju ġie aġġornat l-aħħar f'Settembru 2017.

Kummenti