Inflacam (meloxicam) - QM01AC06

Inflacam

melossikam

Dan huwa sommarju tar-rapport pubbliku Ewropew ta' valutazzjoni (EPAR) għal Inflacam. Dan jispjega kif l-Aġenzija vvalutat din il-mediċina veterinarja biex tirrakkomanda l-awtorizzazzjoni tagħha fl-Unjoni Ewropea (UE) u l-kondizzjonijiet ta’ użu tagħha. Dan mhux maħsub biex jipprovdi konsultazzjoni prattika dwar l-użu ta’ Inflacam.

Għal informazzjoni prattika dwar l-użu ta’ Inflacam, is-sidien tal-annimali jew dawk li jieħdu ħsiebhom għandhom jaqraw il-fuljett ta’ tagħrif jew jikkuntattjaw lill-veterinarju jew lill-ispiżjar tagħhom.

X’inhu Inflacam u għal xiex jintuża?

Inflacam huwa mediċina li fiha s-sustanza attiva melossikam.

Inflacam huwa ‘mediċina ġenerika’. Dan ifisser li huwa simili għal ‘mediċina ta’ referenza’ msejħa Metacam li diġà hija awtorizzata fil-UE.

Fl-ifrat, Inflacam jintuża flimkien ma’ kura antibijotika adatta, biex inaqqas is-sintomi kliniċi tal-marda f'infezzjoni respiratorja akuta (infjammazzjoni fil-pulmun u fil-passaġġi tal-arja). Jista’ jintuża kontra d- dijarrea flimkien ma’ kura orali ta’ reidratazzjoni (mediċini li jingħataw b’mod orali biex ireġġgħu lura l- livelli tal-ilma fil-ġisem) għat-tnaqqis tas-sintomi kliniċi tal-mard f’għoġġiela ikbar minn ġimgħa jew fi frat ta’ età żgħira li ma jkunux qegħdin ireddgħu. Jista' jintuża wkoll bħala terapija ta' appoġġ fil-kura ta' mastite akuta (infjammazzjoni tal-glandola mammarja), flimkien mal-antibijotiċi.

Fil-ħnieżer, Inflacam jintuża kontra disturbi lokomotorji mhux infettivi (mard li jaffettwa l-ħila taċ- ċaqliq) għat-tnaqqis tas-sintomi taz-zappip u tal-infjammazzjoni, għat-taffija tal-uġigħ li jinħass wara operazzjonijiet assoċjat ma’ interventi kirurġiċi fuq it-tessut artab minuri bħat-tiswija, u bħala terapija ta' appoġġ flimkien ma’ terapija bl-antibijotiċi adatti fil-kura ta’ mard li jiżviluppa wara t-tifrigħ (twelid) bħas-settiċemija u t-tossjemija ta' wara l-ħlas ikkaġunati minn infezzjoni fl-utru (puerperal) (sindromu tal-mastite-metrite-agalassija). Is-settiċemija u t-tossjemija huma kundizzjonijiet fejn fid-demm jiċċirkulaw batterji li jipproduċu sustanzi perikolużi (tossini).

Fiż-żwiemel, Inflacam jintuża għat-taffija tal-uġiġħ assoċjat mal-kolika (uġigħ addominali) u għat- taffija tal-infjammazzjoni u tal-uġigħ kemm f'disturbi muskoluskelettriċi (disturbi li jaffettwaw il- muskoli u l-għadam) akuti kif ukoll dawk kroniċi.

Fil-klieb, Inflacam jintuża biex inaqqsilhom l-uġigħ u l-infjammazzjoni wara li tkun saritilhom operazzjoni ortopedika b’intervent kirurġiku (e.g. operazzjoni fuq ksur) u intervent kirurġiku fuq it- tessut artab. Barra dan, jintuża wkoll għat-taffija tal-infjammazzjoni u tal-uġigħ f’disturbi muskoluskelettriċi kemm akuti kif ukoll kroniċi fil-klieb.

Fil-qtates, Inflacam jintuża biex inaqqsilhom l-uġigħ u l-infjammazzjoni wara li tkun saritilhom ovarjoisterektomija (operazzjoni li tneħħi l-ovarji u l-utru), intervent kirurġiku ortopediku u intervent kirurġiku fuq it-tessut artab.

Kif jintuża Inflacam?

Inflacam jiġi bħala granuli fi qratas (330 mg), sospensjonijiet orali (1.5 mg/ml u 15 mg/ml), pilloli tal- magħad (1 mg u 2.5 mg) u soluzzjoni għall-injezzjoni (5 mg/ml u 20 mg/ml). Il-formolazzjoni u d-doża li jridu jintużaw jiddependu mill-annimal u l-kondizzjoni li tkun qed tiġi kkurata.

Inflacam jista' jinkiseb biss b'riċetta ta' tabib. Għal iktar informazzjoni, ara l-fuljett ta' tagħrif.

Kif jaħdem Inflacam?

Inflacam fih il-melossikam, li tagħmel parti minn klassi ta’ mediċini msejħa mediċini antinfjammatorji mhux sterojdi (NSAIDs). Il-melossikam jaġixxi billi jimblokka enzima msejħa ċiklossiġenażi li hija involuta fil-produzzjoni tal-prostaglandini. Peress li l-prostaglandini huma sustanzi li jiskattaw l- infjamazzjoni, l-uġigħ, it-tnixxija (fluwidu li joħroġ mill-vażijiet matul infjamazzjoni) u d-deni, il- melossikam tnaqqas dawn s-sintomi tal-mard.

Kif ġie studjat Inflacam?

Billi Inflacam huwa mediċina ġenerika, l-istudji ġew limitati għal testitjiet biex jistabbilixxu l- bijoekwivalenza tiegħu mal-mediċina ta’ referenza, Metacam. Żewġ mediċini jkunu bijoekwivalenti meta jipproduċu l-istess livelli tas-sustanza attiva fil-ġisem.

X’inhuma l-benefiċċji u r-riskji ta’ Inflacam?

Minħabba li Inflacam huwa mediċina ġenerika u bijoekwivalenti għall-mediċini ta’ referenza, il- benefiċċji u r-riskji tiegħu huma meqjusa li huma l-istess bħal dawk tal-mediċina ta’ referenza.

X'inhu l-perjodu ta' tiżmim f'annimali li jipproduċu l-ikel?

Il-perjodu ta’ tiżmim huwa ż-żmien li jrid jgħaddi wara l-għoti tal-mediċina qabel l-annimal ikun jista’ jinqatel u l-laħam tiegħu jintuża għall-konsum mill-bniedem. Il-perjodu ta’ tiżmim huwa wkoll iż-żmien meħtieġ wara l-għoti tal-mediċina qabel ma l-bajd ikun jista’ jintuża għall-konsum mill-bniedem.

Frat

Il-perjodu ta’ tiżmim għal-laħam huwa ta' 15-il jum u għall-ħalib huwa ta' ħamest ijiem.

Ħnieżer

Il-perjodu ta’ tiżmim għal-laħam huwa ħamest ijiem.

Żwiemel

Għal-laħam il-perjodu ta’ tiżmim huwa ħamest ijiem għas-soluzzjoni għall-injezzjoni ta' 20 mg/ml u tlitt ijiem għall-granuli fil-qratas u għas-soluzzjoni orali ta’ 15 mg/ml. Il-mediċina ma għandhiex tintuża fid-dwieb li jipproduċu l-ħalib għall-konsum mill-bniedem.

Liema prekawzjonijiet irid jieħu min jagħti l-mediċina jew jiġi f’kuntatt mal-annimal?

Fis-sommarju tal-karatteristiċi tal-prodott u l-fuljett ta’ tagħrif ġiet inkluża informazzjoni rigward is- sigurtà ta’ Inflacam, inkluż il-prekawzjonijiet xierqa li għandhom ikunu segwiti mill-professjonisti tal- kura tas-saħħa u mis-sidien tal-annimali jew dawk li jieħdu ħsiebhom. Il-prekawzjonijiet huma bħal dawk tal-mediċina ta' referenza minħabba li Inflacam huwa mediċina ġenerika.

Għaliex ġie approvat Inflacam?

Il-Kumitat għall-Prodotti Mediċinali għall-Użu Veterinarju (CVMP) tal-Aġenzija kkonkluda li, skont ir- rekwiżiti tal-UE, intwera li Inflacam għandu kwalità komparabbli u huwa bijoekwivalenti għal Metacam. Għaldaqstant, il-fehma tas-CVMP kienet li, bħal fil-każ ta’ Metacam, il-benefiċċji huma akbar mir-riskji identifikati. Il-Kumitat irrakkomanda li Inflacam ikun approvat għall-użu fl-UE.

Tagħrif ieħor dwar Inflacam

Il-Kummissjoni Ewropea tat awtorizzazzjoni għat-tqegħid fis-suq għal Inflacam valida fl-Unjoni Ewropea kollha fid-09/12/2011.

L-EPAR sħiħ għal Inflacam jinsab fis-sit web tal-Aġenzija: ema.europa.eu/Find medicine/Veterinary medicines/European public assessment reports. Għal aktar informazzjoni dwar il-kura b’Inflacam, aqra l-fuljett ta' tagħrif (parti wkoll mill-EPAR) jew ikkuntattja lill-veterinarju jew lill-ispiżjar tiegħek.

L-EPAR sħiħ għall-mediċina ta' referenza jista' jinstab ukoll fis-sit web tal-Aġenzija.

Dan is-sommarju ġie aġġornat l-aħħar f’Ottubru 2015.

Kummenti