Leucogen (purified p45 FeLV-envelope antigen) - QI06AA01

Leucogen

vaċċin għal-lewkimja tal-qtates (inattivat)

Dan huwa sommarju tar-rapport pubbliku Ewropew ta’ valutazzjoni (EPAR) għal Leucogen. Dan jispjega kif l-Aġenzija vvalutat din il-mediċina veterinarja biex tirrakkomanda l-awtorizzazzjoni tagħha fl-Unjoni Ewropea (UE) u l-kondizzjonijiet ta’ użu tagħha. Dan mhux intiż biex jipprovdi konsultazzjoni prattika dwar l-użu ta’ Leucogen.

Għal informazzjoni prattika dwar l-użu ta’ Leucogen, is-sidien tal-annimali jew dawk li jieħdu ħsiebhom għandhom jaqraw il-fuljett ta’ tagħrif jew jikkuntattjaw lill-veterinarju jew lill-ispiżjar tagħhom.

X’inhu Leucogen u għal xiex jintuża?

Leucogen huwa vaċċin veterinarju li jintuża fil-qtates mill-età ta’ tmien ġimgħat biex jipproteġihom kontra l-lewkimja tal-qtates. Il-lewkimja tal-qtates hija marda infettiva tal-qtates ikkawżata mill- virus tal-lewkimja tal-qtates (FeLV, feline leukaemia virus). Is-sinjali tal-marda jistgħu jinkludu telf ta’ aptit, telf fil-piż, kondizzjoni ħażina tal-pil, deni, ħanek bajdani u dijarea; il-qtates li jkunu infettati b’mod persistenti bil-virus jistgħu jifirxuh lil qtates oħra.

Il-mediċina fiha proteina mis-saff ta’ barra tal-FeLV.

Kif jintuża Leucogen?

Leucogen jiġi bħala sospensjoni għall-injezzjoni u jista’ jinkiseb biss b’riċetta ta’ tabib.

Il-vaċċin jingħata lill-qtates bħala injezzjoni taħt il-ġilda. Il-kors tat-tilqim inizjali huwa żewġ injezzjonijiet 3 jew 4 ġimgħat minn xulxin mill-età ta’ 8 ġimgħat. F’każijiet fejn il-ferħ jista’ jkollu antikorpi li jgħaddu mill-omm, tista’ tingħata t-tielet injezzjoni mill-età ta’ 15-il ġimgħa. Huwa meħtieġ tilqim booster annwali ta’ injezzjoni waħda. Il-protezzjoni tibda 3 ġimgħat wara l-kors primarju tat-tilqim u ddum sena.

Kif jaħdem Leucogen?

Leucogen huwa vaċċin. Il-vaċċini jaħdmu billi “jgħallmu” lis-sistema immuni (id-difiżi naturali tal- ġisem) kif tiddefendi ruħha kontra l-mard. Leucogen fih ammonti żgħar ta’ proteina mis-saff ta’ barra tal-virus li tissejjaħ ‘proteina envelop p45’. Il-proteina FeLV li tintuża fil-vaċċin ma tiġix estratta mill-virusis iżda ssir f’batterju bl-użu ta’ ‘teknoloġija rikombinanti’. Meta qattus jingħata l- vaċċin, is-sistema immuni tal-qattus tagħraf lill-proteina bħala ‘barranija’ u tagħmel antikorpi kontriha. Fil-futur, is-sistema immuni se tkun kapaċi tipproduċi antikorpi aktar malajr meta tiġi esposta għall-FeLV, u dan se jgħin biex tipproteġi kontra l-marda kkawżata mill-virus.

Leucogen fih ukoll ġell tal-idrossidu tal-aluminju u estratt ta’ Quillaja saponaria bħala adjuvanti (ingredjenti li jsaħħu r-rispons immuni).

X’inhuma l-benefiċċji ta’ Leucogen li ħarġu mill-istudji?

Fi studju wieħed fuq il-post, frieħ ta’ 8 sa 9 ġimgħat ingħataw kors ta’ tilqim inizjali ta’ Leucogen b’2 injezzjonijiet 3 ġimgħat minn xulxin u injezzjoni booster annwali sena wara. Wara l-ewwel injezzjoni, 69 % tal-frieħ kellhom antikorpi għall-FeLV u dan żdied għal 100 % wara t-tieni injezzjoni. Xi 64 % mill-qtates xorta kellhom antikorpi tal-FeLV qabel il-booster annwali, u 100 % tal-qtates kellhom antikorpi tal-FeLV wara l-booster.

Fit-tieni studju, frieħ ta’ 8 sa 9 ġimgħat ingħataw kors ta’ tilqim inizjali ta’ vaċċin ikkombinat li kien jikkonsisti minn doża waħda ta’ Feligen RCP (kontra l-virus rinotrakeite tal-qtates, virus calici tal- qtates u virus panlewkopenija tal-qtates) b’doża waħda ta’ Leucogen. Wara t-tieni injezzjoni, 100 % tal-frieħ kellhom antikorpi għall-FeLV.

X’inhuma r-riskji assoċjati ma’ Leucogen?

L-effett sekondarju l-aktar komuni b’Leucogen (li jista’ jaffettwa aktar minn persuna 1 minn kull 100) huwa nefħa jew għoqda moderata u li ma ddumx wara l-ewwel injezzjoni. Din normalment tgħaddi waħidha fi żmien tlieta sa erba’ ġimgħat. Din ir-reazzjoni titnaqqas wara injezzjonijiet sussegwenti.

Leucogen m’għandux jintuża fi qtates tqal.

Għal-lista sħiħa ta’ restrizzjonijiet u tal-effetti sekondarji kollha rrappurtati b’Leucogen, ara l-fuljett ta’ tagħrif.

Liema prekawzjonijiet irid jieħu min jagħti l-mediċina jew jiġi f’kuntatt mal-annimal?

F’każ ta’ awtoinjezzjoni, wieħed għandu jfittex parir mediku immedjatament u għandu juri l-fuljett ta’ tagħrif jew it-tikketta lit-tabib.

Għaliex ġie approvat Leucogen?

Il-Kumitat għall-Prodotti Mediċinali għall-Użu Veterinarju (CVMP) tal-Aġenzija ddeċieda li l-benefiċċji ta’ Leucogen huma akbar mir-riskji tiegħu u rrakkomanda li jkun approvat għall-użu fl-UE.

Informazzjoni oħra dwar Leucogen:

Il-Kummissjoni Ewropea tat awtorizzazzjoni għat-tqegħid fis-suq valida fl-UE kollha għal Leucogen fis-17 ta’ Ġunju 2009.

L-EPAR sħiħ għal Leucogen jinsab fis-sit elettroniku tal-Aġenzija: ema.europa.eu/Find medicine/Veterinary medicines/European public assessment reports. Għal aktar informazzjoni dwar il-kura b’Leucogen, is-sidien tal-annimali jew dawk li jieħdu ħsiebhom għandhom jaqraw il-fuljett ta’ tagħrif jew għandhom jikkuntattjaw lill-veterinarju jew lill-ispiżjar tagħhom.

Dan is-sommarju ġie aġġornat l-aħħar fi: 09-2017.

Kummenti