Oxyglobin (haemoglobin glutamer-200 (bovine)) - QB05AA90

Updated on site: 09-Feb-2018

Isem tal-Mediċina: Oxyglobin
ATC: QB05AA90
Sustanza: haemoglobin glutamer-200 (bovine)
Manifattur: OPK Biotech Netherlands BV

Oxyglobin

Haemoglobin glutamer-200

Dan id-dokument huwa sommarju tar-Rapport ta’ Valutazzjoni Pubblika Ewropea. L-għan tiegħu huwa li jispjega kif il-valutazzjoni mwettqa mill-Kumitat għall-Prodotti Mediċinali għal Użu Veterinarju (CVMP) abbażi tad-dokumentazzjoni pprovduta, waslet għar-rakkomandazzjonijiet fuq il-kundizzjonijiet ta’ l-użu. Dan id-dokument ma jistax jissostitwixxi diskussjoni wiċċ imb’wiċċ mal- veterinarju tiegħek. Jekk tixtieq iktar informazzjoni dwar il-kundizzjoni jew it-trattament ta’ l- annimal tiegħek, ikkuntattja lill-veterinarju tiegħek. Jekk tixtieq iktar informazzjoni abbażi tar- rakkomandazzjonijiet tal-CVMP, aqra d-Diskussjoni Xjentifika (parti wkoll mill-EPAR).

X’inhu Oxyglobin?

Oxyglobin fih haemoglobin glutamer-200 bovin (b’qawwa ta’ 130 mg/ml), li jappartieni għall- kategorija ta’ mediċini li għandhom azzjoni ta’ ġarr ta’ ossiġenu. Oxyglobin huwa soluzzjoni għal infużjoni (drip fil-vina).

Għalxiex jintuża Oxyglobin?

Oxyglobin jintuża biex iżid il-kontenut ta’ ossiġenu tad-demm fil-klieb b’anemija (għadd baxx taċ- ċelloli ħomor fid-demm). Oxyglobin għandu jintuża għal mill-inqas 24 siegħa.

Oxyglobin l-ewwel jissaħħan għal 37°C, imbagħad jingħata lil kelb bħala 30 ml għal kull kilogramma tal-piż korporali, mogħti b’rata ta’ mhux aktar minn 10 ml/kg fis-siegħa. L-aktar doża adegwata tiddependi mis-severità ta’ l-anemija u fuq kemm ilu anemiku l-kelb, kif ukoll fuq it-tul mixtieq ta’ l-effett tal-mediċina. Oxyglobin huwa maħsub għal użu waħdieni biss. Oxyglobin ma jeħtieġx li jitqabbel mat-tip ta’ demm tal-kelb. Għal aktar informazzjoni, ara l-Fuljett ta’ Tagħrif.

© European Medicines Agency, 2012. Reproduction is authorised provided the source is acknowledged.

Kif jaħdem Oxyglobin?

Oxyglobin huwa soluzzjoni li ġġorr l-ossiġenu bbażata fuq l-haemoglobin. Fih haemoglobin glutamer-200, li huwa magħmul minn haemoglobin (il-proteina fiċ-ċelloli tad-demm ħomor li ġġorr l-ossiġenu madwar il-ġisem) meħud mid-demm tal-baqar u dilwit f’soluzzjoni standard (lactate ta’ Ringer) użat biex jissostitwixxi l-volum ta’ demm. Meta Oxyglobin jingħata lill-klieb, iżid l-ammont ta’ haemoglobin fid-demm kif ukoll iżid il-volum ta’ demm fil-ġisem. Dan iżid l-ammont ta’ ossiġenu miġrur fid-demm fl-arterji, u jgħin inaqqas is-sintomi ta’ anemija.

Kif ġie studjat Oxyglobin?

Oxyglobin ġie ttestjat fi studju ta’ klieb b’anemija għal qasir żmien u fit-tul minħabba kundizzjonijiet bħal telf ta’ demm, it-tkissir anormali ta’ ċelloli tad-demm ħomor jew livelli baxxi ta’ produzzjoni ta’ ċelloli tad-demm ħomor. L-istudju qabbel l-effetti ta’ Oxyglobin mingħajr trattament.

X’benefiċċji ta’ Oxyglobin ntwerew f’dawn l-istudji?

Fl-istudju prinċipali fuq il-klieb, 95% ta’ l-annimali trattati b’Oxyglobin ma ħtieġu ebda tip ieħor ta’ trattament li jġorr l-ossiġenu wara 24 siegħa, meta mqabbla ma’ 32% tal-klieb li ma rċevew ebda trattament. Kien hemm bżonn ta’ perjodu itwal sakemm kien meħtieġ trattament addizzjonali fi klieb trattati b’Oxyglobin. Il-mediċina żiedet ukoll il-livelli ta’ haemoglobin fid-demm u tejbet il- kundizzjoni fiżika tal-klieb.

Studji addizzjonali appoġġjaw dawn ir-riżultati, u urew li Oxyglobin jista’ jieħu, jittrasporta u jirrilaxxa ossiġenu f’annimali oħra minbarra baqar. Dan l-ossiġenu jista’ jiġi fornut lit-tessuti bħall- muskoli.

X’inhu r-riskju assoċjat ma’ Oxyglobin?

L-effetti sekondarji li jidhru b’Oxyglobin huma kkawżati kemm mill-mediċina kif ukoll mill-kawża bażi ta’ l-anemija. Jinkludu telf fil-kulur tal-ġilda, membrani mukużi (rita tal-kavitajiet tal-ġisem) u sklera (abjad ta’ l-għajnejn), ippurgar skur u awrina skulurita jew opaka. Effett sekondarju komuni huwa ‘overload ċirkolatorja’ (meta l-fluwidu tad-demm inixxi mill-vini), li jikkawża takipneja (teħid ta’ nifs qawwi), dispnea (qtugħ ta’ nifs), ħsejjes ħorox fil-pulmun u edema pulmonari (akkumulazzjoni tal-fluwidi fil-pulmun). Effetti sekondarji komuni oħrajn huma rimettar, telf ta’ aptit u deni. Għal lista sħiħ ta’ l-effetti sekondarji kollha rrapportati b’Oxyglobin, ara l-Fuljett ta’ Tagħrif.

Oxyglobin ma għandux jintuża f’annimali li fil-passat irċevew Oxyglobin, jew fi klieb li huma f’riskju akbar ta’ overload ċirkolatorja b’kundizzjonijiet bħal oligurja jew anurja (għemil ta’ awrina jew ebda għemil awrina) jew mard tal-qalb avvanzat.

X’inhuma l-prekawzjonijiet li għandha tieħu l-persuna li tagħti l- mediċina jew li tiġi f’kuntatt ma’ l-annimal?

Ebda prekawzjonijiet m’huma meħtieġa.

Għaliex ġie aprovat Oxyglobin?

Il-Kumitat għall-Prodotti Mediċinali għal Użu Veterinarju (CVMP) ikkonkluda li l-benefiċċju ta’ Oxyglobin huma ikbar mir-riskju tiegħu għall-għoti ta’ appoġġ ta’ ġarr ta’ ossiġenu lil klieb, billi tejjeb is-sinjali kliniċi ta’ anemija għal mill-inqas 24 siegħa, indipendentament mill-kundizzjoni bażi, u rrakkomanda li Oxyglobin jingħata l-awtorizzazzjoni għat-tqegħid fis-suq. Il-bilanċ bejn ir- riskji u l-benefiċċji jinsab fil-modulu tad-diskussjoni xjentifika modulu ta’ dan l-EPAR.

Tagħrif ieħor dwar Oxyglobin:

Il-Kummissjoni Ewropea tat awtorizzazzjoni għat-tqegħid fis-suq valida madwar l-Unjoni Ewropea kollha għal Oxyglobin fl-14 ta’ Lulju 1999. It-tagħrif dwar l-istejtus tal-preskrizzjoni ta’ dan il- prodott jista’ jinstab fuq it-tikketta tal-kartuna.

Dan is-sommarju ġie aġġornat l-aħħar Marzu 2012.

Kummenti