Parvoduk (live attenuated Muscovy duck parvovirus) - QI01BD03

An agency of the European Union

Parvoduk

Parvovirus tal-papra Muscovy (ħaj attenwat)

Dan id-dokument huwa sommarju tar-Rapport Pubbliku Ewropew ta’ Valutazzjoni. L-għan tiegħu huwa li jispjega kif il-valutazzjoni mwettqa mill-Kumitat għall-Prodotti Mediċinali għall-Użu Veterinarju (CVMP) abbażi tad-dokumentazzjoni pprovduta, wasslet għar-rakkomandazzjonijiet dwar il- kundizzjonijiet tal-użu.

Dan id-dokument ma jistax jissostitwixxi diskussjoni wiċċ imb'wiċċ mal-veterinarju tiegħek. Jekk teħtieġ iktar informazzjoni dwar il-kundizzjoni medika jew it-trattament tal-annimal tiegħek, ikkuntattja lill-veterinarju tiegħek. Jekk tixtieq iktar informazzjoni relatata mar-rakkomandazzjonijiet tas-CVMP, aqra d-Diskussjoni Xjentifika (parti wkoll mill-EPAR).

X'inhu Parvoduk?

Parvoduk huwa mediċina veterinarja li fiha l-parvovirus tal-papra Muskovy ħaj attenwat (imdgħajjef). Fih razza msejħa GM 199. Parvoduk huwa disponibbli bħala sospensjoni u dilwent għal injezzjoni.

Għal xiex jintuża Parvoduk?

Parvoduk jintuża biex jipproteġi papri Muscovy kontra parvovirożi tal-papri Muscovy u l-marda ta' Derzsy. Il-parvovirożi tal-papra Muscovy hija marda li tittieħed ikkawżata mill-parvovirus tal-papra

Muscovy. Papri żgħar ta' ġimgħa juru firxa ta' sinjali li jinkludu mewt u dgħjufija tal-muskoli filwaqt li papri żgħar imma ikbar juru tkabbir imħarbat, sintomi ta' nervożiżmu u annormalitajiet fir-rix. Il-marda ta' Derzsy hija infezzjoni simili kkawżata mill-virus relatat mill-qrib, il-parvovirus tal-gniedes.

It-tilqima tingħata lil papri żgħar ta' ġurnata bħala injezzjoni taħt il-ġilda, u jiġi ripetut wara 16-il jum.

Kif jaħdem Parvoduk?

Parvoduk huwa vaċċin. Il-vaċċini jaħdmu billi 'jgħallmu' lis-sistema immunitarja (id-difiżi naturali tal- ġisem) kif tiddefendi ruħha kontra marda. Il-parvovirus tal-papra Muscovy f'Parvoduk huwa ħaj iżda jkun ġie attenwat (imdgħajjef) sabiex ma jikkawżax il-marda. Meta Parvoduk jingħata lil papri Muscovy, is-sistema immunitarja tal-annimali tagħraf il-virusijiet bħala 'barranin' u tagħmel antikorpi

kontrihom. Fil-futur, jekk l-annimali jiġu esposti għall-parvovirus tal-papra Muscovy, is-sistema immunitarja tkun tista' tirreaġixxi aktar malajr. Dan jgħin jipproteġihom kontra l-parvovirożi tal-papra Muscovy. Minħabba li l-parvovirus tal-gniedes huwa simili ħafna għall-parvovirus tal-papra Muscovy, ir- reazzjoni immuni tipprovdi wkoll protezzjoni jekk l-annimal jiġi espost għal parvovirus tal-gniedes.

Kif ġie studjat Parvoduk?

L-effikaċja ta' Parvoduk ġiet investigata fl-istudji tal-laboratorji. Papri żgħar ta' jum ingħataw injezzjoni waħda ta' Parvoduk u mbagħad ġimagħtejn wara dawn ġew esposti għal parvovirus tal-papra Muscovy jew għal parvovirus tal-gniedes. Il-miżura tal-effikaċja kienet tnaqqis fir-rati ta' mwiet, tkabbir imħarbat, annormalitajiet fir-rix u ħsara fl-organi li dehru post-mortem. Twettqu żewġ studji oħrajn sabiex jinvestigaw l-effetti ta' Parvoduk f'papri żgħar li wirtu antikorpi protettivi kontra l-parvovirus tal- papra Muscovy jew il-parvovirus tal-gniedes minn ommhom.

Ma sar l-ebda studju fil-prattika. Dan tqies bħala aċċettabbli, minħabba d-dejta tal-laboratorju u filwaqt li jitqies li l-papra Muscovy hija speċi minuri.

Liema benefiċċju wera Parvoduk waqt l-istudji li twettqu?

L-istudji tal-laboratorju wrew li, ġimagħtejn wara t-tilqima, Parvoduk impedixxa mwiet fil-papri żgħar u naqqas il-ħsara fl-organi. It-tkabbir wara esponiment għal parvovirus tal-papra Muscovy jew parvovirus tal-gniedes tjieb b'70% u 110% rispettivament f'papri mlaqqmin. L-istudju ulterjuri wera li t-tilqima b'Parvoduk tal-papri żgħar ma ġietx ribattuta minn antikorpi protettivi minn ommhom. Barra minn hekk intwera li Parvoduk jibqa' effettiv sakemm il-papri żgħar ikollhom sitt ġimgħat, li jfisser li l- papri żgħar huma protetti matul il-perjodu meta jkunu f'riskju ta' parvovirożi tal-papra Muscovy u tal- marda Derzsy.

X’riskji huma assoċjati ma’ Parvoduk?

Għalkemm il-virus imdgħajjef f'Parvoduk ma ntweriex li jgħaddi bejn l-għasafar jew li jikkawża mwiet, il-papri ż-żgħar kollha fil-qatgħa għandhom jitlaqqmu sabiex jitnaqqas ir-riskju li dan iseħħ. Sa llum ma ġie rrapportat l-ebda effett sekondarju.

Liema prekawzjonijiet irid jieħu min jagħti l-mediċina jew jiġi f’kuntatt mal-annimal?

L-ebda prekawzjoni.

X'inhu l-perjodu ta' tiżmim?

Il-perjodu ta' tiżmim huwa l-ħin permess wara l-għoti tal-mediċina u qabel ma l-annimal ikun jista' jinqatel u l-laħam tiegħu jintuża għall-konsum mill-bniedem jew il-bajd jew il-ħalib tiegħu jintuża għall- konsum mill-bniedem. Il-perjodu ta' tiżmim għal Parvoduk huwa ta' żero jiem.

Għaliex ġie appruvat Parvoduk?

Il-Kumitat għall-Prodotti Mediċinali għal Użu Veterinarju (CVMP) ikkonkluda li l-benefiċċji ta' Parvoduk jisbqu r-riskji għall-indikazzjoni approvata u rrakkomanda li Parvoduk jingħata awtorizzazzjoni għat- tqegħid fis-suq. Il-bilanċ tal-benefiċċju/riskju jista' jinstab fil-modulu tad-diskussjoni xjentifika ta' dan l-EPAR.

Tagħrif ieħor dwar Parvoduk:

Il-Kummissjoni Ewropea tat awtorizzazzjoni għat-tqegħid fis-suq valida madwar l-Unjoni Ewropea kollha għal Parvoduk fil-11/04/2014. It-tagħrif dwar l-istat tal-preskrizzjoni ta’ dan il-prodott jista’ jiġi kkonsultat fuq it-tikketta jew fuq il-qoxra tal-pakkett.

Dan is-sommarju ġie aġġornat l-aħħar fi Frar 2014.

Kummenti