Maltese
Agħżel il-lingwa tas-sit

Poulvac E. coli (Live aroA gene deleted Escherichia coli,...) - QI01AE04

Updated on site: 09-Feb-2018

Isem tal-Mediċina: Poulvac E. coli
ATC: QI01AE04
Sustanza: Live aroA gene deleted Escherichia coli, type 078, strain EC34195
Manifattur: Zoetis Belgium SA

Poulvac E. coli

vaċċin tal-kolibaċillożi avjarja (ħaj)

Dan huwa sommarju tar-Rapport Pubbliku Ewropew ta’ Valutazzjoni (EPAR) għal Poulvac E. coli. Dan jispjega kif l-Aġenzija vvalutat il-mediċina biex tirrakkomanda l-awtorizzazzjoni tagħha fl-UE u l- kondizzjonijiet ta’ użu tagħha.

Għal informazzjoni prattika dwar l-użu ta’ Poulvac E. coli, is-sidien tal-annimali jew il-gwardjani għandhom jaqraw il-fuljett ta’ tagħrif jew jikkuntattjaw lit-tabib jew lill-ispiżjar tagħhom.

X’inhu Poulvac E. coli u għal xiex jintuża?

Poulvac E. coli huwa vaċċin li jintuża fit-tiġieġ u d dundjani għal immunizzazzjoni attiva kontra infezzjoni kkawżata mill-Escherichia coli serotip O78 imsejjaħ kolibaċillożi. Il-kolibaċillożi tista’ tikkawża ġrieħi fil-borża ta’ madwar il-qalb (perikardite), il-borża ta’ madwar il-fwied (periepatite) u l-‘boroż tal- arja’, il-boroż speċifiċi fil-ġisem tat-tajra fejn tinħażen l-arja waqt it-teħid tan-nifs (erakkulità), u tista' twassal għall-mewt tat-tajra. Il-vaċċin, li qiegħed biex jintuża f'tiġieġa tas-simna (imrobbija għall- produzzjoni tal-laħam), fl-għawwietaq jew fit-tiġieġ għat-tnissil (imrobbija għall-produzzjoni tal-bajd) u d-dundjani, tgħin biex jitnaqqsu l-ġrieħi u l-imwiet mill-infezzjoni.

Fih il-batterji ħajjin Escherichia coli, tip O78, razza EC34195 b’ġene (aroA) imneħħi.

Għal xiex jintuża Poulvac E. coli?

Poulvac E. coli jiġi bħala trab lijofilizzat li jista’ jsir f'suspensjoni. Jista' jinkiseb biss b'riċetta ta' tabib. Fit-tiġieġ jingħata bħala doża singola jew b'tilqima ta' sprej oħxon mill-età ta' jum jew billi jiżdied mal- ilma tax-xorb mill-età ta' ħamest ijiem. Fid-dundjani jingħata bħala tilqima ta' sprej oħxon mill-età ta' jum b'doża sekondarja tliet ġimgħat wara.

Meta jingħata bħala tilqima ta' sprej oħxon it-tilqima rikostitwita għandha tiġi dilwita u sprejjata fuq it- tajr biex kull tajra tirċievi biżżejjed għal doża waħda. It-tajr jikkonsma t-tilqima meta jnaddaf rixu.

Meta Poulvac E. coli jiżdied mal-ilma tax-xorb għandu jiżdied ammont biżżejjed għal doża waħda ta' tilqima rikostitwita għal kull tiġieġa mal-istess ammont ta' ilma li jiġi kkonsmat mit-tiġieġ fi tliet sigħat.

Għal iktar informazzjoni, ara l-fuljett ta' tagħrif.

Kif jaħdem Poulvac E. coli?

Poulvac E. coli fih ammonti żgħar tal-batterju E. colserotip O78. Il-batterju jkun ħaj, iżda jiddgħajjef billi jitneħħielu ġene (aroA) sabiex ma jikkawżax mard, u għalhekk jagħmlu adattat sabiex jintuża f’vaċċin. Poulvac E. coli, bħall-vaċċini kollha, jaħdem billi ‘jgħallem’ lis-sistema immunitarja (id-difiżi naturali tal-ġisem) kif tiddefendi lilha nnifisha kontra l-mard. Meta Poulvac E. coli jingħata lit-tiġieġ jew lid-dundjani, is-sistema immunitarja tal-annimal tirrikonoxxi l-partijiet tal-batterju li jinsab fil-vaċċin bħala ‘barrani’ u tipproduċi antikorpi kontrih. Fil-futur, jekk l-annimali jkunu esposti għall-batterji, is- sistema immunitarja tkun tista’ tipproduċi l-antikorpi aktar malajr. Dan jgħin sabiex ikunu protetti kontra l-marda.

X’benefiċċji wera Poulvac E. coli matul l-istudji?

L-istudji fil-laboratorju wrew li l-vaċċin huwa sigur u li l-protezzjoni kontra l-ġrieħi tal-kolibaċillożi tibda ġimagħtejn wara t-tilqima fit-tiġieġ u tliet ġigħat wara t-tilqima fid-dundjani. L-istudji wrew ukoll li l- vaċċin jipprovdi lit-tiġieġ bi 8 ġimgħat protezzjoni kontra l-ġrieħi tal-kolibaċillożi u 12-il ġimgħa protezzjoni kontra l-mortalità mill-kolibaċillożi b'tilqima bl-isprej u 12-il ġimgħa protezzjoni kontra ġrieħi u mortalità b'tilqima mal-ilma tax-xorb. L-istudju fuq il-post b'aktar minn 200,000 tiġieġa tas- simna wera tnaqqis konsiderevoli ta’ ġrieħi u mwiet ikkawżati mill-kolibaċillożi fl-annimali mlaqqma. Barra minn hekk, intwera effett pożittiv tal-vaċċin fuq il-medja ta’ żieda fil-piż ta’ kuljum, l-għadd ta’ jiem ta’ kura antibijotika u l-perċentwal ta’ annimali mqiegħda fis-suq meta mqabbla mal-kontrolli.

X’inhuma r-riskji assoċjati ma’ Poulvac E. coli?

Ir-razza tal-vaċċin tista' tiġi osservata fit-tessuti (fwied u qalb) sa sitt ijiem wara t-tilqim fit-tiġieġ jew fit-tessuti (boroż tal-arja) sa erbat ijiem wara t-tilqima fid-dundjani. Tista’ tkun preżenti wkoll fl- ippurgar sa ħames ġimgħat wara t-tilqim fit-tiġieġ jew sebat ijiem wara t-tilqim fid-dundjani, u tibqa’ preżenti fl-ambjent sal-aħħar tal-perjodu tat-tmiem (iż-żmien tal-qatla) jew tat-trobbija għal tiġieġ jew għal sebat ijiem fid-dundjani. Għalhekk, huwa rrakkomandat li l-gallinari tat-tjur fejn ikun ingħata l- vaċċin jitnaddfu u jiġu ddiżinfettati wara t-tlestija tal-perjodu tat-tmiem jew tat-trobbija. Il-vaċċin jista’ jinfirex fuq tjur li jiġu f’kuntatt.

L-annimali li jkunu qegħdin jieħdu kura antibatterika jew immunosoppressiva (kura li tnaqqas l-attività tas-sistema immunitarja) m’għandhomx jitlaqqmu. Il-vaċċin m’għandux jintuża fi żmien sitt ġimgħat qabel il-bidu tal-perjodu ta’ produzzjoni tal-bajd jew fi tjur li jkunu qegħdin ibidu (li bħalissa jkunu qegħdin jipproduċu l-bajd). Il-kura antibijotika m’għandhiex tingħata sa ġimgħa qabel jew wara t- tilqim.

Xi prekawzjonijiet irid jieħu min jagħti l-mediċina jew min jiġi f’kuntatt mal-annimal?

L-użu ta' protezzjoni għall-għajnejn, ingwanti u maskra għall-imnieħer u għall-ħalq mill-operatur huwa rrakkomandat matul l-għoti. Persuni immunosoppressi m’għandhomx ikunu preżenti matul l-għoti tal- vaċċin. L-idejn u t-tagħmir għandhom ikunu ddiżinfettati wara l-użu. Il-persunal involut mal-annimali mlaqqma għandu jsegwi l-prinċipji ġenerali tal-iġene u joqgħod attent b’mod partikolari kif jittratta ż- żgħar ta’ annimali mlaqqma.

X’inhu l-perjodu ta’ tiżmim f’annimali li jipproduċu l-ikel?

Il-perjodu ta’ tiżmim huwa ż-żmien li jrid jgħaddi wara l-għoti tal-mediċina qabel ma l-annimal ikun jista’ jinqatel u l-laħam tiegħu jintuża għall-konsum mill-bniedem. Huwa wkoll iż-żmien meħtieġ wara l-għoti tal-mediċina qabel ma l-bajd ikun jista’ jintuża għall-konsum mill-bniedem.

Iż-żmien ta' tiżmim għal-laħam u l-bajd mit-tiġieġ u d-dundjani kkurati b'Poulvac E. coli huwa 'żero' jiem, li jfisser li ma hemm l-ebda żmien obbligatorju ta' stennija.

Għaliex ġie approvat Poulvac E. coli?

Il-Kumitat għall-Prodotti Mediċinali għall-Użu Veterinarju (CVMP) tal-Aġenzija kkonkluda li l-benefiċċji ta’ Poulvac E. coli huma akbar mir-riskji tiegħu u rrakkomanda li jkun approvat fl-UE.

Aktar informazzjoni dwar Poulvac E. coli:

Il-Kummissjoni Ewropea tat awtorizzazzjoni għat-tqegħid fis-suq valida fl-Unjoni Ewropea għal Poulvac E. coli fil-15 ta' Ġunju 2012. It-tagħrif dwar l-istatus tal-għoti b’riċetta ta’ dan il-prodott jinstab fuq it- tikketta/il-pakkett ta’ barra.

L-EPAR sħiħ għal Poulvac E. coli jinsab fis-sit web tal-Aġenzija ema.europa.eu/Find medicine/Veterinary medicines/European public assessment reports. Għal aktar informazzjoni dwar il- kura b'Poulvac E. coli, is-sidien tal-annimali jew il-gwardjani għandhom jaqraw il-fuljett ta' tagħrif jew jikkuntattjaw lill-veterinarju jew lill-ispiżjar tagħhom.

Dan is-sommarju ġie aġġornat l-aħħar fi Frar 2016.

Kummenti