Maltese
Agħżel il-lingwa tas-sit

Purevax RCPCh FeLV (Attenuated feline rhinotracheitis herpesvirus...) - QI06AX

Updated on site: 09-Feb-2018

Isem tal-Mediċina: Purevax RCPCh FeLV
ATC: QI06AX
Sustanza: Attenuated feline rhinotracheitis herpesvirus (FHV F2 strain), inactivated feline Calicivirosis antigens (FCV 431 and G1 strains), attenuated Chlamydophila felis (905 strain), attenuated feline panleucopenia virus (PLI IV), FeLV recombinant canarypox viru
Manifattur: Merial

PUREVAX RCPCH FELV

Sommarju ta’ l-EPAR għall-pubbliku

Dan id-dokument huwa sommarju tar-Rapport ta’ Valutazzjoni Pubblika Ewropew. L-għan tiegħu huwa li jispjega kif il-valutazzjoni magħmula mill-Kumitat għall-Prodotti Mediċinali għal Użu Veterinarju (CVMP) abbażi tad-dokumentazzjoni pprovduta, wasslet għar-rakkomandazzjonijiet dwar il-kundizzjonijiet ta’ l-użu. Dan id-dokument ma jistax jieħu post diskussjoni wiċċ imb’wiċċ mal-veterinarju tiegħek. Jekk teħtieġ iktar informazzjoni dwar il-kundizzjoni medika jew dwar it- trattament ta’ l-annimal tiegħek, ikkuntattja lill-veterinarju tiegħek. Jekk tixtieq iktar informazzjoni abbażi tar-rakkomandazzjonijiet tal-CVMP, aqra d-Diskussjoni Xjentifika (parti wkoll mill-EPAR).

X’inhu Purevax RCPCh FeLV?

Purevax RCPCh FeLV huwa tilqima li fiha dawn is-sustanzi attivi:

Herpesvirus imdgħajjef tar-rinotrakeite tal-felini (FHV razza F2),

antiġeni inattivati (maqtula) tal-kaliċivirosi (FCV razez 431 u G1),

Chlamydophila felis (razza 905) imdgħajjef,

vajrus imdgħajjef tal-panlewkopenja tal-felini (PLI IV),

vajrus tal-lewkemja tal-felini (FeLV) vajrus rekombinanti tal-canarypox (vCP97). Purevax RCPCh FeLV huwa lijofilizzat (lyophilisate) (solidu imnixxef) u solvent li jinħall f’sospensjoni għall-injezzjoni.

Għalxiex jintuża Purevax RCPCh FeLV?

Purevax RCPCh FeLV jintuża fit-tilqim ta’ qtates mill-età ta’ 8 ġimgħat u aktar kontra dawn il-mardiet:

rinotrakeite virali felina (marda tixbah lill-influwenza kkawżata mill-herpesvirus),

kaliċivirosi felin (marda tixbah lill-influwenza bl-infjammazzjoni tal-ħalq ikkawżata mill-kaliċivajrus),

klamidjożi (marda tixbah lill-influwenza kkawżata mill-batterju C. felis),

panlewkopenja felina (marda serja li tikkawża dijarrea bid-demm ikkawżata minn parvovajrus),

lewkemja felina (marda li taffettwa lis-sistema immunitarja kkawżata minn

retrovajrus).

It-tilqima tgħin fit-tnaqqis tas-sintomi tal-mardiet. Tgħin ukoll fit-tnaqqis ta’ l-eskrezzjoni virali fil-każ ta’ infezzjoni bil-kaliċivajrus. Tista’ tgħin ukoll biex tipprevjeni mewta dovuta għal panlewkopenja u timpedixxi milli FeLV jibqa’ fid-demm.

Wara li Purevax RCPCh FeLV jinħall, 1 ml minnu jiġi injettat taħt il-ġilda. L-ewwel injezzjoni għandha tingħata lill-qtates li jkollhom ta’ l-anqas tmien ġimgħat, bit-tieni injezzjoni tingħata bejn tlieta u erba’ ġimgħat wara. Jekk il-qattus ikollu livelli għoljin ta’ antikorpi li jkunu intirtu mill-omm, l-ewwel tilqima għandha titbiegħed sa ma jkollu 12-il ġimgħa. Il-qattus għandu jitlaqqam mill-ġdid għall-komponenti kollha sena wara l-ewwel kors

ta’ tilqim, u mbagħad kull sena għar-rinotrakeite, kaliċivirosi, klamidiosi u lewkemja felina u kull tliet snin għall-panlewkopenja.

Kif jaħdem Purevax RCPCh FeLV?

Purevax RCPCh FeLV huwa vaċċin. Il-vaċċini jaħdmu billi ‘jgħallmu’ lis-sistema immunitarja (id-difiżi naturali tal-ġisem) kif tiddefendi ruħha kontra l-mard. Purevax RCPCh FeLV fih ammonti żgħar ta’ vajrusijiet imdgħajfa jew maqtula li jikkawżaw il-mardiet elenkati hawn fuq, kif ukoll żewġ ġeni mill-FeLV imsejjaħ env u gag, li ddaħħlu f’vajrus vector (ġarrier) ieħor imsejjaħ canarypox li juża ‘teknoloġija rekombinanti tad-DNA’. Il- vajrus tal-canarypox ma jinxteridx u lanqas ma jimmultiplika fil-qtates iżda dawn jipproduċu proteini mill-ġeni ta’ FeLV. Meta qattus jingħata tilqima, is-sistema immunitarja tagħraf il- vajrusijiet imdgħajfa jew maqtula, il-proteini ta’ FeLV, u l-batterji mdgħajfa bħala ‘barranin’ u jagħmel antikorpi kontrihom. Fil-ġejjieni, is-sistema immunitarja tkun kapaċi tipproduċi l- antikorpi iktar malajr meta jerġgħu jiġu esposti għall-vajrusijiet jew batterji. Meta jkun espost għal kwalunkwe mill-vajrusijiet iktar tard fil-ħajja, il-qattus jew ma jiġix infettat jew ikollu infezzjoni ħafna inqas serja.

Kif ġie studjat Purevax RCPCh FeLV?

L-effikaċja ta’ Purevax RCPCh FeLV ġiet studjata f’diversi provi fil-kundizzjonijiet tal- laboratorji fejn il-qtates tlaqqmu u ġew infettati bil-herpesvirus, kaliċivirus, C. felis, parvovajrus jew lewkemja virulenti. Fuq il-post, l-istudji ta’ Purevax RCPCh FeLV ħarsu lejn l-iskeda bażika tat-tilqim (żewġ injezzjonijiet b’bejn tlieta u erba’ ġimgħat bejniehom) u t- tilqima booster (injezzjoni waħda biss). Ġew inklużi diversi razez ta’ qtates żgħażagħ u adulti, iżda mhux frieħ. Il-mezz ewlieni tal-kejl ta’ l-effikaċja kien il-livell ta’ antikorpi fid-demm kontra l-vajrusijiet u l-batterji fit-tilqima, bl-eċċezzjoni tal-komponent ta’ FeLV, li l-effikaċja tiegħu fil-prevenzjoni ta’ infezzjoni diġà ntweriet fi studji oħra.

Liema benefiċċji ta’ Purevax RCPCh FeLV intwerew f’dan l-istudju?

F’kundizzjonijiet tal-laboratorju, intwera li Purevax RCPCh FeLV jipprovdi protezzjoni kontra l-mardiet elenkati hawn fuq. Fl-istudju dwar it-tilqima bażika kien hemm żieda fl- antikorpi kontra l-infezzjonijiet mill-herpesvirus rinotrakeite tal-felini, tal-kaliċivajrus u tal- panlewkopenija felina. Ma kienx possibbli li tiġi osservata żieda fl-antikorpi kontra C. felis minħabba livelli għoljin ta’ antikorpi fil-qtates fil-bidu ta’ l-istudju. Fl-istudju li analizza t- tilqima booster, il-livelli ta’ l-antikorpi kontra l-infezzjonijiet mill-herpesvirsus rinotrakeite tal-felini, tal-kaliċivajrus u tal-panlewkopenja felina u C. felis baqgħu stabbli jew żdiedu bi ftit.

X’inhuma r-riskji assoċjati ma’ Purevax RCPCh FeLV?

Xi drabi, il-qtates jiżviluppaw apatija temporanja (nuqqas ta’ interess fl-ambjent ta’ madwarhom) u anoressija (nuqqas ta’ apatit), kif ukoll ipertermja (temperatura għolja tal- ġisem) li ddum jum jew tnejn. Jista’ jkun hemm reazzjoni lokali fis-sit ta’ l-injezzjoni, b’uġigħ ħafif meta jintmess, ħakk jew nefħa, li tisparixxi fi żmien ġimgħa jew tnejn. Għal-lista sħiħa ta’ effetti sekondarji rrapportati ma’ Purevax RCPCh FeLV, ara l-Fuljett ta’ Tagħrif.

Purevax RCPCh FeLV m’għandux jintuża fi qtates tqal.

Xi prekawzjonijiet irid jieħu min jagħti l-mediċina jew min jiġi f’kuntatt ma’ l-annimal?

Jekk min jagħti l-mediċina jitniggeż biha bi żball għandu jitlob parir mediku immedjatament u juri l-Fuljett ta’ Tagħrif jew it-tikketta lit-tabib. It-tilqima ma għandhiex tintmiss minn persuni

li għandhom sistema immunitarja dgħajfa. Jekk xi persuna minn dawn imsemmija hawn fuq tinjetta lilha nfisha, din għandha tgħid lit-tabib li l-persuna ġiet injettata b’tilqima li fiha kompenet ħaj ta’ chlamydial.

Għaliex ġie approvat Purevax RCPCh FeLV?

Il-Kumitat għall-Prodotti Mediċinali għall-Użu Veterinarju (CVMP) ikkonkluda li l-benefiċċji ta’ Purevax RCPCh FeLV jisbqu r-riskji għat-tilqim attiv ta’ qtates li jkollhom iktar minn tmien ġimgħat kontra l-mardiet elenkati hawn fuq, u rrakkomanda li Purevax RCPCh FeLV jingħata awtorizzazzjoni għat-tqegħid fis-suq. Il-bilanċ bejn il-benefiċċju u r-riskju jista’ jinstab fil-modulu 6 ta’ dan l-EPAR.

Informazzjoni oħra dwar Purevax RCPCh FeLV:

Il-Kummissjoni Ewropea tat awtorizzazzjoni għat-tqegħid fuq is-suq madwar l-Unjoni Ewropea, għal Purevax RCPCh FeLV lil MERIAL fit-23 ta’ Frar 2005

Dan is-sommarju ġie aġġornat l-aħħar fil-25 ta’ Jannar 2008.

Kummenti