SevoFlo (sevoflurane) - QN01AB08

SevoFlo

sevofluran

Dan huwa sommarju tar-rapport pubbliku Ewropew ta’ valutazzjoni (EPAR) għal SevoFlo. Dan jispjega kif l-Aġenzija vvalutat dil-mediċina veterinarja biex tirrakkomanda l-awtorizzazzjoni tagħha fl-Unjoni Ewropea (UE) u l-kondizzjonijiet ta’ użu tagħha. Dan mhux maħsub biex jipprovdi konsultazzjoni prattika dwar l-użu ta’ SevoFlo.

Għal informazzjoni prattika dwar l-użu ta’ SevoFlo, is-sidien tal-annimali jew dawk li jieħdu ħsiebhom għandhom jaqraw il-fuljett ta’ tagħrif jew jikkuntattjaw lill-veterinarju jew lill-ispiżjar tagħhom.

X’inhu SevoFlo u għal xiex jintuża?

SevoFlo huwa anestetiku ġenerali għall-klieb u l-qtates. SevoFlo jintuża biex jibda kif ukoll biex imantni l-anestesija ġenerali (telfien tas-sensi). Fih is-sustanza attiva sevofluran, kimika likwida f’temperatura ambjentali, imma li meta tissaħħan issir gass (tivvaporizza).

Għal iktar informazzjoni, ara l-fuljett ta’ tagħrif.

Kif jintuża SevoFlo?

SevoFlo jingħata permezz ta’ tagħmir tal-anestesija speċjalizzat, ġeneralment f’taħlita kkontrollata ta’ gassijiet li tinkludi l-ossiġnu. Il-kelb jew il-qattus jieħu n-nifs fit-taħlita tal-gass, u din titilfu minn sensih. Il-mediċina tistaʼ tinkiseb biss bʼriċetta taʼ tabib. Għal iktar informazzjoni, ara l-fuljett ta’ tagħrif.

Kif jaħdem SevoFlo?

Meta kelb jew qattus jingħata t-taħlita tal-ossiġnu u s-sevofluran biex jieħu n-nifs fiha, is-sevofluran tiġi inalata fil-pulmun u tinġarr mid-demm għall-moħħ. Din tikkawża telfien mis-sensi billi teħel mar- riċetturi għall-GABA, sustanza involuta fit-tnaqqis tal-attività fil-moħħ, u tattivahom. Is-sevofluran

timblokka wkoll lir-riċetturi għal glutamat, sustanza li żżid l-attività elettrika fil-moħħ. L-azzjoni kkombinata żżid l-effetti tal-GABA filwaqt li tnaqqas l-effetti tal-glutamat u għaldaqstant tnaqqas il- livell tas-sensi.

X’benefiċċji wera SevoFlo f’dawn l-istudji?

Studji fuq klieb sabu li SevoFlo kien effikaċi fit-tnedija u fil-manutenzjoni tal-anestesija daqs aġenti anestetiċi oħra, bħall-isofluran (gass anestetiku ieħor), it-tijopental, il-propofol, u l-ketamina flimkien ma’ diażepam. SevoFlo pproduċa induzzjoni anestetika relattivament rapida u bla intoppi fil- klieb, segwita b’irkupru tajjeb. L-istudji wrew li s-sevofluran setgħet tintuża b’mod sigur ma’ diversi mediċini oħra li normalment jintużaw fuq il-klieb qabel jew matul l-operazzjonijiet, għall- manutenzjoni tal-anestesija.

Għall-qtates, rieżami tal-litteratura xjentifika ppubblikata wera li SevoFlo huwa effikaċi għall- anestesija u li huwa kompatibbli ma’ firxa ta’ mediċini sedattivi u li jtaffu l-uġigħ li jintużaw fl- anestesija. L-effikaċja ta’ SevoFlo kienet komparabbli ma’ isofluran. Barra minn hekk, peress li SevoFlo intuża ta’ spiss mhux skont it-tikketta (użu li mhuwiex awtorizzat uffiċjalment) bħala anestetiku għall-qtates għal aktar minn 10 snin, l-użu tiegħu fil-qtates huwa “stabbilit sew”.

X’inhuma r-riskji assoċjati ma’ SevoFlo?

L-effetti sekondarji l-aktar komuni b’SevoFlo, li jistgħu jaffettwaw aktar minn annimal 1 minn kull 10, huma pressjoni tad-demm baxxa, teħid tan-nifs aktar mgħaġġel, twebbis tal-muskoli, eċitazzjoni, nuqqas temporanju fit-teħid tan-nifs, ġbid żgħir fil-muskoli, u remettar.

SevoFlo m’għandux jingħata lill-annimali li għandhom suxxettibbiltà ġenetika għal ipertermija malinna. Din hija marda rari li hija theddida għall-ħajja li normalment tiskatta minħabba esponiment għal ċerti anestetiċi ġenerali u hija assoċjata ma’ spażmi muskolari u temperaturi tal-ġisem għoljin ħafna.

Għal-lista sħiħa tal-effetti sekondarji kollha rrappurtati b’SevoFlo, u għal-lista sħiħa tar- restrizzjonijiet ara l-fuljett ta tagħrif.

X’inhuma l-prekawzjonijiet li jridu jittieħdu mill-persuna li tagħti l- mediċina jew li tiġi f’kuntatt mal-annimal?

Fis-sommarju tal-karatteristiċi tal-prodott u fil-fuljett ta’ tagħrif ġiet inkluża informazzjoni rigward is-sigurtà ta’ SevoFlo, inkluż il-prekawzjonijiet xierqa li għandhom ikunu segwiti mill-professjonisti tal-kura tas-saħħa u mis-sidien tal-annimali jew dawk li jieħdu ħsiebhom.

Jekk persuna aċċidentalment tieħu n-nifs mill-fwar ta’ sevofluran, dan jista’ jikkawża sintomi bħal tertir, nawżja, uġigħ ta’ ras, pressjoni tad-demm baxxa, ritmu iktar baxx tat-taħbit tal-qalb u anke saħansitra tnaqqis fit-teħid tan-nifs. Għaldaqstant SevoFlo għandu jiġi amministrat b'attenzjoni: kull tixrid irid jitneħħa minnufih, m’għandux jittieħed nifs mill-fwar, u kull kuntatt tal-prodott mal-ħalq għandu jiġi evitat. Nisa tqal jew li qed ireddgħu ma għandux ikollhom kuntatt mal-prodott u għandhom jevitaw ukoll li jidħlu fi kmamar tal-operazzjonijiet u f’żoni fejn l-annimali jkunu qegħdin jirkupraw fejn ikun qed jintuża jew ikun intuża reċentement il-prodott. F’każ ta’ kuntatt aċċidentali mal-ġilda jew mal-għajnejn, jew għal aktar informazzjoni, għandu jiġi kkonsultat il-fuljett ta’ tagħrif.

Għal xiex ġiet approvat Sevoflo?

Il-Kumitat għall-Prodotti Mediċinali għall-Użu Veterinarju (CVMP) tal-Aġenzija kkonkluda li l- benefiċċji ta’ Sevoflo huma akbar mir-riskji tiegħu u rrakkomanda li jkun approvat għall-użu fl-UE.

Informazzjoni oħra dwar SevoFlo

Il-Kummissjoni Ewropea tat awtorizzazzjoni għat-tqegħid fis-suq għal SevoFlo valida fl-UE fil-11 ta’

Diċembru 2002.

L-EPAR sħiħ għal SevoFlo jinsab fis-sit elettroniku tal-Aġenzija: ema.europa.eu/Find medicine/Veterinary medicines/European public assessment reports. Għal aktar informazzjoni dwar il-kura b’SevoFlo, is-sidien tal-annimali jew dawk li jieħdu ħsiebhom għandhom jaqraw il-fuljett ta’ tagħrif jew għandhom jikkuntattjaw lill-veterinarju jew lill-ispiżjar tagħhom.

Dan is-sommarju ġie aġġornat l-aħħar f’ Ottubru 2017.

Kummenti