Stronghold (selamectin) - QP54AA05

Stronghold

Selamektin

Dan id-dokument huwa sommarju tar-Rapport Pubbliku Ewropew ta’ Valutazzjoni. Dan għandu l-għan li jispjega kif il-valutazzjoni magħmula mill-Kumitat għall-Prodotti Mediċinali għall-Użu Veterinarju (CVMP) abbażi tad-dokumentazzjoni pprovduta wasslet għar-rakkomandazzjonijiet dwar il-kundizzjonijiet tal- użu. Dan id-dokument ma jistax jissostitwixxi diskussjoni wiċċ imb wiċċ mal-veterinarju tiegħek. Jekk tixtieq aktar informazzjoni dwar il-kundizzjoni jew il-kura tal-annimal tiegħek, ikkuntattja lill-veterinarju tiegħek. Jekk tixtieq aktar informazzjoni abbażi tar-rakkomandazzjonijiet tal-CVMP, aqra d-Diskussjoni Xjentifika (parti wkoll mill-EPAR).

X’inhu Stronghold?

Stronghold huwa mediċina antiparassitika li fiha s-sustanza attiva s-selamektin. Jiġi bħala soluzzjoni spot-on f’2 konċentrazzjonijiet differenti (6% u 12%) u f’tubi f’diversi qawwiet (15, 30, 45, 60, 120, 240 u 360 mg).Il-konċentrazzjoni u l-qawwa li għandhom jintużaw jiddependu fuq il-piż tal-ispeċi tal- annimal li qed jiġi kkurat.

Għal xiex jintuża Stronghold?

Stronghold jintuża fil-kura u l-prevenzjoni ta’ infestazzjonijiet b’parassiti li jgħixu fuq il-ġilda jew fuq is- suf tal-klieb u l-qtates, bħall-briegħed u d-dud żgħir, kif ukoll għall-kura ta’ parassiti dud li jgħixu fil- ġisem. Jintuża b’dawn il-modi li ġejjin:

biex jikkura u jipprevjeni infestazzjonijiet mill-briegħed fil-klieb u l-qtates, billi joqtol il-briegħed adulti, il-larva tagħhom u l-bajd tagħhom fuq l-annimal, u fil-kaxex fejn iħammġu l-qtates jew il- klieb li jkunu tqal jew qegħdin ireddgħu. Jista’ jintuża wkoll bħala parti mill-kura għal dermatite allerġika għall-briegħed (infjammazzjoni tal-ġilda),

biex jipprevjeni l-marda heartworm fil-qtates u l-klieb,

biex jikkura d-dud iż-żgħir fil-widnejn tal-klieb u l-qtates,

biex jikkura r-roundworms intestinali adulti u l-hookworms intestinali fil-qtates,

biex jittratta r-roundworms intestinali adulti fil-klieb,

biex jikkura l-qamel li jigdem fil-qtates u l-klieb,

biex jikkura sarcoptic mange (skabbja) fil-klieb.

Il-kontenut tat-tubu jiġi applikat fuq il-ġilda wara li jinferaq is-suf ta’ bejn il-ġwienaħ tal-ispallejn. Dan il-volum żgħir ta’ likwidu jiġi assorbit mill-ġilda u jkollu effett fil-ġisem kollu tal-annimal. Il-qawwa użata u n-numru ta’ ammministrazzjonijiet jiddependu mill-piż u u l-ispeċi tal-annimal ikkurat, u t-tip ta’ parassit. Il-fuljett ta’ tagħrif jinkludi informazzjoni ddettaljata dwar id-dożaġġ u d-dewmien tal-kura.

Kif jaħdem Stronghold?

Stronghold fih is-selamektin, li hi mediċina antiparassitika li tagħmel parti mill-klassi magħrufa bħala ‘avermektin’. Is-selamektin tattiva proteini speċjali magħrufa bħala ‘kanali tal-klorur’ fuq is-superfiċje taċ-ċelloli tan-nervituri u tal-muskoli tal-parassita, u b’hekk tippermetti li partiċelli tal-klorur iċċarġjati jidħlu fiċ-ċelloli tan-nervituri u jħarbtu l-attività elettrika normali tagħhom. Dan jikkawża l-paraliżi jew il-mewt tal-parassiti.

Kif ġie studjat Stronghold?

L-effikaċja ta’ Stronghold kontra l-parassiti speċifikati ġiet investigata fi studji fil-laboratorju fuq il- qtates u l-klieb. Imbagħad l-effikaċja ġiet ikkonfermata fi studji fuq il-post fuq qtates u klieb billi ngħatat ħarsa lejn l-għadd ta’ parassiti ħajjin f'ħinijiet varji wara l-kura.

X’benefiċċju wera Stronghold matul dawn l-istudji?

Instab li l-kura bi Stronghold kienet effikaċi wara amministrazzjoni waħda jew b’kuri ripetuti kull xahar, skont it-tip ta’ infestazzjoni li għaliha kien qed jintuża għall-kura jew il-prevenzjoni.

Fl-istudji fuq il-post, huwa naqqas l-għadd ta’ briegħed b’sa 98% fil-qtates u 99% fil-klieb wara l-kura, kif ukoll fil-prevenzjoni tat-tfaqqis tal-bajd, u fil-qtil u l-prevenzjoni tal-iżvilupp tal-larva tal-briegħed. L- istudji fuq il-post urew ukoll li Stronghold kien 100% effettiv fil-prevenzjoni tal-marda heartworm disease fil-klieb u l-qtates. Kien effettiv ukoll fil-kura tad-dud iż-żgħir fil-widnejn tal-qtates u l-klieb. Fil- kura tal-mard sarcoptic mange fil-klieb, kien hemm bżonn ta’ żewġ kuri bi 30 jum differenza bejn kura u oħra biex jeliminaw kompletament id-dud iż-żgħir fil-klieb. Stronghold kien effettiv ukoll fil-kura ta’ hookworms intestinali adulti fil-qtates, roundworms intestinali adulti fil-qtates u l-klieb, u qamel li jigdem fil-klieb u l-qtates.

Il-ħasil jew l-għorik tal-annimal għal sagħtejn jew aktar wara l-kura ma affettwax l-effikaċja tal- mediċina.

X’inhu r-riskju assoċjat ma’ Stronghold?

Stronghold jikkawża alopeċja temporarja (telf ta’ xagħar) fuq is-sit tal-applikazzjoni f'inqas minn 1 minn kull 1,000 qattus.

Stronghold jista’ jipproduċi tagħqid tax-xagħar fuq is-sit tal-applikazzjoni jew id-dehra ta’ kwantità żgħira ta’ trab abjad f’inqas minn 1 minn kull 1,000 qattus. Dan ma jaffettwax is-sigurtà u l-effikaċja tal-mediċina.

Stronghold ma għandux jintuża fuq annimali li għandhom inqas minn sitt ġimgħat. Lanqas ma għandu jintuża fuq qtates li jkunu qed ibatu minn marda oħra jew li jkunu dgħajfa jew li jkunu jiżnu inqas milli suppost skont l-età u d-daqs tagħhom.

X’inhuma l-prekawzjonijiet għall-persuna li tagħti l-mediċina jew li tiġi f’kuntatt mal-annimal?

Stronghold jaqbad malajr ħafna u għaldaqstant għandu jinżamm ’il bogħod mis-sħana, minn xrar, minn fjammi jew minn sorsi ta’ tqabbid ta’ nar. L-utent ma għandux ipejjep, jiekol jew jixrob waqt li jkun qed juża Stronghold. L-idejn għandhom jinħaslu wara l-użu u kwalunkwe prodott fil-kuntatt mal-ġilda għandu jinħasel immedjatament bis-sapun u l-ilma. Jekk Stronghold jiġi f’kuntatt mal-għajnejn, dawn għandhom jitlaħalħu immedjatament bl-ilma u għandha titfittex attenzjoni medika.

Annimali kkurati ma għandhomx jitmissu sakemm tinxef iż-żona tal-applikazzjoni. Fil-ġurnata tal-kura, it-tfal ma għandhomx imissu l-annimali ikkurati u l-annimali ma għandhomx jorqdu mas-sidien tagħhom, speċjalment mat-tfal. L-applikaturi użati għandhom jintremew immedjatament u ma jitħallewx f’post fejn jidher jew jintlaħaq mit-tfal. Persuni b’ġilda sensittiva jew b’allerġija magħrufa għal prodotti ta’ dan it-tip għandhom jużaw Stronghold b’kawtela.

Għaliex ġie approvat Stronghold?

ll-Kumitat għall-Prodotti Mediċinali għall-Użu Veterinarju (CVMP) ikkonkluda li l-benefiċċji ta’ Stronghold huma akbar mir-riskji tiegħu għall-indikazzjonijiet approvati, u għaldaqstant irrakkomanda li Stronghold jingħata awtorizzazzjoni għat-tqegħid fis-suq. Il-bilanċ bejn il-benefiċċji u r-riskji jista’ jinstab fil-modulu ta’ diskussjoni xjentifika ta’ dan l-EPAR.

Informazzjoni oħra dwar Stronghold:

Il-Kummissjoni Ewropea tat awtorizzazzjoni għat-tqegħid fis-suq valida fl-Unjoni Ewropea kollha, għal

Stronghold fil-25 ta’ Novembru 1999. Informazzjoni dwar l-istatus tal-preskrizzjoni ta’ dan il-prodott tista’ tinstab fuq it-tikketta/il-pakkett ta’ barra.

Dan is-sommarju kien aġġornat l-aħħar f’Jannar 2015.

Kummenti