Maltese
Agħżel il-lingwa tas-sit

Vectormune ND (cell-associated live recombinant turkey...) - QI01AD

Updated on site: 09-Feb-2018

Isem tal-Mediċina: Vectormune ND
ATC: QI01AD
Sustanza: cell-associated live recombinant turkey herpes virus (rHVT/ND) expressing the fusion protein of Newcastle diseases virus D-26 lentogenic strain
Manifattur: CEVA-Phylaxia Veterinary Biologicals Co. Ltd

Vectormune ND

Vaċċin tal-marda ta’ Newcastle u tal-marda ta' Marek (rikombinanti ħaj)

Dan huwa sommarju tar-rapport pubbliku Ewropew ta' valutazzjoni (EPAR) għal Vectormune ND. Dan jispjega kif l-Aġenzija vvalutat din il-mediċina veterinarja biex tirrakkomanda l-awtorizzazzjoni tagħha fl-Unjoni Ewropea (UE) u l-kondizzjonijiet ta’ użu tagħha. Dan mhux intiż biex jipprovdi konsultazzjoni prattika dwar l-użu ta’ Vectormune ND.

Għal informazzjoni prattika dwar l-użu ta’ Vectormune ND, is-sidien tal-annimali jew dawk li jieħdu ħsiebhom għandhom jaqraw il-fuljett ta’ tagħrif jew jikkuntattjaw lill-veterinarju jew lill-ispiżjar tagħhom.

X’inhu Vectormune ND u għal xiex jintuża?

Vectormune ND huwa mediċina veterinarja li tintuża għall-protezzjoni tat-tiġieġ kontra l-marda ta' Newcastle (ND) u l-marda ta’ Marek (MD).

ND hija infezzjoni virali tat-tiġieġ li tikkawża qtugħ ta’ nifs u sogħla, sinjali ta’ nervożiżmu (ġwienaħ imedendlin, brim tar-ras u l-għonq, tidwir u paraliżi), nefħa tal-tessut madwar l-għajnejn u l-għonq, dijarrea maħlula ħadranija u tnaqqis fil-produzzjoni tal-bajd.

MD hija infezzjoni oħra tal-virus ħerpes tat-tiġieġ li tista’ tikkawża paraliżi tal-ġwienaħ u s-saqajn u tikkawża tumuri f’diversi organi. It-tiġieġ jiġu infettati ta’ età żgħira permezz ta’ inalazzjoni ta’ għadab (frak tal-ġilda) li fih il-virus li jista’ jibqa’ infettiv għal diversi xhur wara li jitneħħa mill-ġisem. Għasafar infettati bil-virus MD jistgħu jkunu trasportaturi u xerrieda tal-virus għal tul ħajjithom kollha.

Vectormune ND fih bħala sustanza attiva virus ħerpes tad-dundjani ħaj (rHVT/ND) li jesprimi l-proteina ta' fużjoni tar-razza ta' mikrobu lentoġeniku D-26 tal-virus tal-marda ta' Newcastle.

Kif jintuża Vectormune ND?

Vectormune ND huwa disponibbli bħala sospensjoni u solvent biex jiġu magħmulin f’sospensjoni għal injezzjoni u jista’ jinkiseb biss b’riċetta ta’ tabib. Il-vaċċin jista' jingħata lil flieles ta' jum bħala

injezzjoni waħda taħt il-ġilda jew direttament f'bajd ta' 18-il jum li fih l-embrijuni (flieles li qegħdin jiżviluppaw li għadhom ma faqqsux). Għal ND, il-protezzjoni tibda mill-età ta' 3 ġimgħat u ddum sal- età ta' 9 ġimgħat. Għal MD, il-protezzjoni tibda mill-età ta' ġimgħa u ddum għall-perjodu ta' riskju ta' infezzjoni b'MD.

Kif jaħdem Vectormune ND?

Vectormune ND huwa vaċċin li fih il-virus ħerpes tad-dundjani; tip ta’ virus ħerpes li huwa relatat mill- qrib mal-virus ħerpes MD iżda ma jikkawżax mard fit-tiġieġ. Il-vaċċini jaħdmu billi "jgħallmu" lis- sistema immunitarja (id-difiżi naturali tal-ġisem) kif tiddefendi ruħha kontra l-mard. Il-virus ħerpes tad-dundjani fil-vaċċin ġie mmodifikat sabiex jipproduċi l-proteina ta' fużjoni li tifforma parti mill-kisja ta’ barra tal-virus ND. Meta Vectormune ND jingħata lit-tiġieġ jew lill-bajd, is-sistema immunitarja tal- annimali tagħraf lill-virus bħala “barrani” u tipproduċi antikorpi kontrih. Jekk fil-futur l-annimali jkunu esposti għal virus simili u/jew għal virus li jesprimi proteina ta' fużjoni simili, is-sistema immunitarja tkun kapaċi tirreaġixxi aktar malajr. Dan ser jgħin jipproteġi lit-tiġieġ kontra ND u MD.

X’inhuma l-benefiċċji ta’ Vectormune ND li ħarġu mill-istudji?

Twettqu żewġ studji fuq il-post f'madwar 120,000 tiġieġa brojler biex jiġu evalwati l-effetti tal-vaċċin. Ladarba ma seħħ l-ebda tixrid naturali ta' ND u MD, it-tiġieġ ġew sfidati (esposti għall-infezzjoni) fil- laboratorju.

Fl-ewwel studju fuq il-post, grupp ta' bajd bl-embrijuni ta' 18-il jum u grupp ta' flieles ta' jum tlaqqmu b'Vectormune ND. Tiġieġ ta' ħames ġimgħat mill-bajd imlaqqam kienu sfidati bil-virus ND u 91% tat- tiġieġ imlaqqmin kienu protetti meta mqabbel mal-ebda protezzjoni fil-grupp mhux imlaqqam. Tiġieġ ta' ħames ġimgħat mill-flieles ta' jum imlaqqmin kienu sfidati bil-virus ND u 81% tat-tiġieġ imlaqqmin kienu protetti meta mqabbel mal-ebda protezzjoni fil-grupp mhux imlaqqam. Tiġieġ ta' disat ijiem minn bajd mhux imlaqqam kienu sfidati bil-virus MD u 88% tat-tiġieġ kienu protetti meta mqabbel ma' 9- 12% fil-grupp mhux imlaqqam. Brojlers ta' disat ijiem minn flieles imlaqqmin meta kellhom jum kienu sfidati bil-virus MD u Vectormune ND ipprovda protezzjoni għal 90% tat-tiġieġ meta mqabbel ma' 9- 12% fil-grupp mhux imlaqqam.

Fit-tieni studju fuq il-post, grupp ta' bajd bl-embrijuni ta' 18-il jum u grupp ta' flieles ta' jum tlaqqmu b'Vectormune ND. Tiġieġ ta’ erba’ ġimgħat mill-grupp ta’ flieles imlaqqmin ta’ jum kienu sfidati bil-virus ND u Vectormune ND ipprovda protezzjoni f'95% tat-tiġieġ meta mqabbel ma' 0-10% fil-grupp mhux imlaqqam. It-tiġieġ ta' erba' ġimgħat minn bajd imlaqqam kienu sfidati bil-virus ND u 86% tat-tiġieġ kienu protetti meta mqabbel ma' 0-10% fil-grupp mhux imlaqqam. Brojlers ta' disat ijiem minn bajd mhux imlaqqam kienu sfidati bil-virus MD u 85% tat-tiġieġ kienu protetti meta mqabbel ma' 9% fil- grupp mhux imlaqqam. Brojlers ta' disat ijiem mill-grupp ta' flieles imlaqqmin meta kellhom jum kienu sfidati bil-virus MD u 82% tat-tiġieġ kienu protetti meta mqabbel ma' 12% fil-grupp mhux imlaqqam.

X’inhuma r-riskji assoċjati ma’ Vectormune ND?

Billi Vectormune ND huwa vaċċin ħaj, ir-razza tal-vaċċin tiġi eliminata minn għasafar imlaqqmin u tista’ tinfirex għad-dundjani. Studji tas-sigurtà wrew li r-razza mhijiex ta’ periklu għad-dundjani.

Madankollu, għandhom jiġu segwiti miżuri ta’ prekawzjoni sabiex jiġi evitat kuntatt dirett u indirett bejn it-tiġieġ imlaqqmin u d-dundjani.

M'hemm ebda effett sekondarju magħruf b'Vectormune ND. Għal-lista sħiħa ta’ restrizzjonijiet, ara l- fuljett ta’ tagħrif.

Liema prekawzjonijiet irid jieħu min jagħti l-mediċina jew jiġi f’kuntatt mal-annimal?

Fis-sommarju tal-karatteristiċi tal-prodott u l-fuljett ta’ tagħrif ġiet inkluża informazzjoni rigward is- sigurtà ta’ Vectormune ND, inklużi l-prekawzjonijiet xierqa li għandhom jiġu segwiti mill-professjonisti tal-kura tas-saħħa u mis-sidien tal-annimali jew dawk li jieħdu ħsiebhom.

Billi l-vaċċin jinħażen f’nitroġenu likwidu, huwa importanti li kwalunkwe ġestjoni ssir minn persunal imħarreġ sew f’żona vventilata sew u li jittieħdu prekawzzjonijiet meta jitħejja l-vaċċin. Għal aktar informazzjoni, ara s-sommarju tal-karatteristiċi tal-prodott.

X'inhu l-perjodu ta' tiżmim f'annimali li jipproduċu l-ikel?

Il-perjodu ta’ tiżmim huwa ż-żmien li jrid jgħaddi wara l-għoti tal-mediċina qabel l-annimal ikun jista’ jinqatel u l-laħam tiegħu jintuża għall-konsum mill-bniedem. Huwa wkoll iż-żmien meħtieġ wara l-għoti tal-mediċina qabel ma l-bajd ikun jista’ jintuża għall-konsum mill-bniedem.

Il-perjodu ta' tiżmim għal-laħam u l-bajd minn tiġieġ ikkurati b’Vectormune ND huwa 'żero' jiem, li jfisser li ma hemm l-ebda żmien obbligatorju ta' stennija.

Għaliex ġie approvat Vectormune ND?

Il-Kumitat għall-Prodotti Mediċinali għall-Użu Veterinarju (CVMP) tal-Aġenzija ddeċieda li l-benefiċċji ta' Vectormune ND huma akbar mir-riskji tiegħu u rrakkomanda li jkun approvat għall-użu fl-UE.

Informazzjoni oħra dwar Vectormune ND

Il-Kummissjoni Ewropea tat awtorizzazzjoni għat-tqegħid fis-suq għal Vectormune ND valida fl-UE kollha fit-8 ta' Settembru 2015.

L-EPAR sħiħ għal Vectormune ND jinsab fis-sit web tal-Aġenzija: ema.europa.eu/Find medicine/Veterinary medicines/European public assessment reports. Għal aktar informazzjoni dwar il- kura b'Vectormune ND, is-sidien tal-annimali jew dawk li jieħdu ħsiebhom għandhom jaqraw il-fuljett ta' tagħrif jew jikkuntattjaw lill-veterinarju jew lill-ispiżjar tagħhom.

Dan is-sommarju ġie aġġornat l-aħħar f’Lulju 2015.

Kummenti